Contact Us

Maltese   English


Il-miżbliet t’Għallis u Ta’ Żwejra huma żewġ miżbliet oħra li jinstabu fil-Kumpless ECOHIVE. Il-miżbla Ta’ Żwejra kienet l-ewwel miżbla kkontrollata ta’ Malta li ġiet żviluppata għar-rimi tal-Iskart Solidu Muniċipali b’mod sigur u sostenibbli. Kienet użata, primarjament, bejn l-2004 u l-2006 u issa m’għadhiex tintuża. Il-miżbla tal-Għallis, mill-banda l-oħra, hija l-faċilità ta’ miżbla kkontrollata ta’ WasteServ maħsuba għat-tul u għadha tintuża sal-lum il-ġurnata.

Il-miżbliet ikkontrollati huma magħmula minn saffi differenti, li jinkludu membrani ġeo-sintetiċi u ġeo-tessili li ma jħallux il-leachate jinfiltra l-art. B’hekk, tiġi protetta l-ħamrija u l-ilma ta’ taħt l-art mit-tniġġis li jinħoloq fil-miżbliet. Dawn jinkludu ukoll sistemi t’estrazzjoni tal-gass li tippermetti l-ġbir, estrazzjoni u pproċessar tal-gassijiet, bħall-metanu, li jipproduċi l-enerġija u jnaqqas l-emissjonijiet. Dawn il-miżbliet ikkontrollati kienu ta’ żvolta fit-trattament tal-iskart f’Malta minn meta ġew introdotti għax irriżultaw fi prattiċi aħjar għat-titjib tal-ambjent.

Impjant tal-gass jintuża biex jittratta gassijiet perikolużi maqbuda f’miżbliet ikkontrollati u mill-miżbla l-qadima. Gassijiet mill-miżbla l-qadima jiġu ttrattati minn Ossidatur Termali Riġenerattiv waqt li l-gassijiet mill-miżbliet ikkontrollati jiġu ttrattati jew bis-saħħa ta’ flares għoljin fit-temperatura jew b’gass tal-miżbla mħaddem minn teknoloġija ta’ ġeneratur. Fil-każijiet kollha, l-emissjonijiet huma kkontrollati biex jiġi aċċertat li jibqgħu f’livelli aċċettabbli u siguri.

Jekk jogħġbok agħfas hawn għar-regoli tas-sit

Miżbla għall-Iskart Mhux Perikoluż tal-Għallis

F'konformità mal-istrateġija għall-ambjent sostenibbli u l-immaniġġjar tal-iskart f’Malta, WasteServ tfittex li tipprovdi servizz nazzjonali permezz tar-rimi tal-iskart fil-Miżbla għall-Iskart Mhux Perikoluż tal-Għallis. 

L-għanijiet ewlenin ta’ WasteServ huma li tipproteġi l-ambjent, tipprevjeni korrimenti u mard relatati max-xogħol , u tipprovdi servizz tal-immaniġġjar tal-iskart affidabbli u ambjentalment responsabbli lill-klijenti tagħha. 

Permezz tal-operat fil-faċilità, u tal-fergħat varji li joffru appoġġ, WasteServ timpenja ruħha biex:

  • Tikkonforma mal-permess tal-IPPC IP 0001/24, kif ukoll mal-leġiżlazzjoni kollha applikabbli dwar l-ambjent, is-saħħa u s-sigurtà, u rekwiżiti oħra rilevanti;
  • Tissorvelja u tikkontrolla l-iskart li jidħol fis-sit, inkluż l-immaniġġjar, il-ħażna u r-rimi tiegħu;  
  • Tissorvelja u timmaniġġja attivitajiet marbuta mal-ġenerazzjoni tal-likwidu tal-lissija (leachate);  
  • Ittejjeb l-attivitajiet relatati mal-emissjonijiet fl-arja, inkluż it-trab u r-riħa;  
  • Timplimenta miżuri ta’ tħejjija għal emerġenzi biex tnaqqas u tikkontrolla r-riskju ta’ nirien; 
  • Tiżviluppa l-ħiliet tal-impjegati u tiżgura li l-impjegati u l-kuntratturi jirċievu taħriġ xieraq biex jappoġġjaw operat sigur u konformi;  
  • Tapplika l-prinċipji tal-ġerarkija tal-kontroll sabiex telimina l-perikli u tnaqqas ir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà;  
  • Tippromwovi l-aħjar prattiċi tax-xogħol f’kull livell, inkluż fost il-viżitaturi u l-kuntratturi, kif ukoll tiżgura li l-kuntratturi kollha li jaħdmu fuq is-sit jikkonformaw mar-rekwiżiti QEHS ta’ WasteServ u mar-regoli tas-sit;  
  • Tiżgura li l-impjegati u/jew ir-rappreżentanti tal-ħaddiema jipparteċipaw u jiġu kkonsultati dwar kwistjonijiet ta’ saħħa u sigurtà.
Din il-politika għandha tiġi kkomunikata lil, u tinftiehem mill-persunal kollu fi ħdan l-organizzazzjoni.. Din il-politika ser tiġi kkomunikata wkoll lill-pubbliku, kif ukoll lill-viżitaturi u lill-kuntratturi kollha fil-faċilità. 

Din il-politika tiġi riveduta kull sena sabiex jiġi żgurat li jinżamm l-impenn tagħna lejn il-ħarsien tal-ambjent u l-istandards tas-saħħa u s-sigurtà.


Last updated on 07/10/2024


ECOHIVE Complex, Tul il-Kosta, Naxxar NXR9030

80072200