Il-proċess tal-akkwist għall-faċilità tal-Waste-to-Energy wasal fl-aħħar stadju tiegħu hekk kif intgħażel l-offerent rakkomandat biex jibni u jopera l-impjant għal għoxrin sena. Wara t-terminu tal-appell se jkun qed jiġi iffirmat il-kuntratt li jagħti l-bidu għax-xogħlijiet tal-konkos li għalihom diġà nkiseb permess għall-iżvilupp.
Il-proċess tal-akkwist irriżulta fi tlett offerti konformi u ta’ kwalità għolja ħafna mill-konsorzji parteċipanti, li kollha huma ta’ reputazzjoni kbira internazzjonali fil-qasam tal-Waste-to-Energy - Hitachi Zosen Inova AG – Terna S.A., FCC Medioambiente Internacional S.L.U, u Paprec Energies International-BBL Malta bil-konsorzju Paprec jirbaħ ir-‘recommended bidder status’.
Il-faċilità tal-waste-to-energy se tkun qed tipproċessa 192,000 tunnellata ta’ skart mhux riċiklabbli fis-sena, liema skart se jiġi kkonvertit f’enerġija ħadra.
Hekk kif jibdew jirrankaw ix-xogħolijiet fuq il-post ta’ dan il-proġett kruċjali, WasteServ se jkollha ukoll fis-suq żewġ tenders ewlenin oħra, waħda għal Organic Processing Plant ġdid iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea u l-oħra għal Skip Management Facility. Kollha huma konformi mal-istrateġija ECOHIVE u huma maħsuba biex jippermettu lil Malta timxi lejn ekonomija kompletament ċirkolari fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart.